search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: '   l-istati' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


index    l-istati:


whereas    l-istati:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 902

 

Artikolu 6

Legalità tal-ipproċessar

1.   L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)

is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta' data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

(b)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f'kuntratt;

(c)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma' obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

(d)

l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex ikunu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuna fiżika oħra;

(e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

(f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m'għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.   l-istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi biex jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' pproċessar għal konformità mal-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 billi jiddeterminaw b'mod aktar preċiż rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar u miżuri oħrajn biex jiġi żgurat ipproċessar legali u ġust inkluż għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta' pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX.

3.   Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

(a)

il-liġi tal-Unjoni, jew

(b)

il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Dik il-bażi legali jista' jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta' regoli ta' dan ir-Regolament, inklużi l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta' data li huma soġġetti għall-ipproċessar; is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista' tiġi żvelata d-data personali; il-limitazzjoni tal-fini; il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta' pproċessar u proċeduri ta' pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust bħal dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta' pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta' interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

4.   Fejn l-ipproċessar għal finijiet differenti minn dak li għalih id-data personali tkun inġabret ma jkunx ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data jew fuq liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f'soċjetà demokratika biex tissalvagwardja l-objettivi msemmija fl-Artikolu 23(1), il-kontrollur għandu, sabiex jaċċerta jekk l-ipproċessar għal fini ieħor huwiex kompatibbli mal-fini li għalih tkun inġabret id-data personali inizjalment, jieħu kont, fost l-oħrajn, ta':

(a)

kwalunkwe rabta bejn il-fini li għalih tkun inġabret id-data personali u l-fini tal-ipproċessar ulterjuri li jkun maħsub;

(b)

il-kuntest li fih inġabret id-data personali, b'mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni bejn is-suġġetti tad-data u l-kontrollur;

(c)

in-natura tad-data personali, b'mod partikolari jekk jiġux ipproċessati kategoriji speċjali ta' data personali, skont l-Artikolu 9, jew jekk tiġix ipproċessata data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati, skont l-Artikolu 10;

(d)

il-konsegwenzi possibbli għas-suġġetti tad-data tal-ipproċessar ulterjuri maħsub;

(e)

l-eżistenza ta' salvagwardji xierqa, li jistgħu jinkludu kriptaġġ jew psewdonimizzazzjoni.

Artikolu 9

Ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali

1.   L-ipproċessar ta' data personali, li jiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta' data ġenetika, data bijometrika sabiex tidentifika b'mod uniku persuna fiżika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali u l-orjentazzjoni sesswali ta' persuna fiżika huma projbiti.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk japplika wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

is-suġġett tad-data jkun ta kunsens espliċitu għall-ipproċessar ta' dik id-data personali għal fini speċifiku wieħed jew aktar, għajr fejn il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi ta' Stat Membru tipprevedi li l-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tistax titneħħa mis-suġġett tad-data;

(b)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tat-twettiq tal-obbligi u l-eżerċizzju ta' drittijiet speċifiċi tal-kontrollur jew tas-suġġett tad-data fil-qasam tal-liġi dwar l-impjiegi u dwar il-protezzjoni soċjali u s-sigurtà soċjali sa fejn dan ikun awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi ta' Stat Membru jew minn ftehim kollettiv skont il-liġi ta' Stat Membru li jipprevedu salvagwardji xierqa għad-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data;

(c)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuna fiżika oħra fejn is-suġġett tad-data ma jkunx fiżikament jew legalment kapaċi li jagħti l-kunsens;

(d)

l-ipproċessar isir waqt l-attivitajiet leġittimi tiegħu b'salvagwardji adatti minn fondazzjoni, assoċjazzjoni jew kwalunkwe korp ieħor mingħajr skop ta' qligħ b'għan politiku, filosofiku, reliġjuż jew ta' trade union u bil-kondizzjoni li l-ipproċessar ikun relatat biss mal-membri jew ex membri tal-korp jew ma' persuni li għandhom kuntatt regolari miegħu b'rabta mal-finijiet tiegħu u li d-data personali ma tkunx żvelata barra dak il-korp mingħajr il-kunsens tas-suġġetti tad-data;

(e)

l-ipproċessar ikun relatat ma' data personali li b'mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-data;

(f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali jew kull darba li l-qrati jkunu qed jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom;

(g)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta' interess pubbliku sostanzjali, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li għandha tkun proporzjonata mal-għan segwit, tirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data;

(h)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta' mediċina preventiva jew okkupazzjonali, għall-valutazzjoni tal-kapaċità ta' ħaddiem għax-xogħol, dijanjosi medika, il-forniment ta' kura tas-saħħa jew soċjali jew it-trattament jew il-ġestjoni ta' sistemi u servizzi tal-kura tas-saħħa u soċjali abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi ta' Stat Membru jew skont kuntratt ma' professjonista fil-kura medika u soġġett għall-kondizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 3;

(i)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta' interess pubbliku fil-qasam tas-saħħa pubblika, bħall-protezzjoni kontra theddid transkonfinali serju għas-saħħa jew biex jiġu żgurati standards għoljin ta' kwalità u sikurezza tal-kura tas-saħħa u ta' prodotti mediċinali jew apparat mediku, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni, jew tal-liġi ta' Stat Membru li tipprevedi miżuri adatti u speċifiċi sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, b'mod partikulari s-segretezza professjonali;

(j)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika f'konformità mal-Artikolu 89(1) fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li għandha tkun proporzjonata mal-għan segwit, tirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data.

3.   Id-data personali msemmija fil-paragrafu 1 tista' tiġi pproċessata għall-finijiet imsemmija fil-punt (h) tal-paragrafu 2 meta dik id-data tiġi pproċessata minn professjonista jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu li jkun soġġett għall-obbligu ta' segretezza professjonali skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru jew regoli stabbiliti minn korpi kompetenti nazzjonali jew minn persuna oħra li tkun ukoll soġġetta għal obbligu ta' segretezza skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru jew ir-regoli stabbiliti minn korpi kompetenti nazzjonali.

4.   l-istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu aktar kondizzjonijiet, inklużi limitazzjonijiet, fir-rigward tal-ipproċessar ta' data ġenetika, data bijometrika jew data dwar is-saħħa.

Artikolu 36

Konsultazzjoni minn qabel

1.   Il-kontrollur għandu jikkonsulta lill-awtorità superviżorja qabel l-ipproċessar fejn valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data taħt l-Artikolu 35 tindika li l-ipproċessar ikun ser jirriżulta f'riskju għoli fin-nuqqas ta' miżuri meħuda mill-kontrollur biex jittaffa r-riskju.

2.   Fejn l-awtorità superviżorja tkun tal-opinjoni li l-ipproċessar maħsub imsemmi fil-paragrafu 1 jikser dan ir-Regolament, b'mod partikolari fejn il-kontrollur ma jkunx identifika jew naqqas biżżejjed ir-riskju, l-awtorita' superviżorja għandha, f'perijodu sa tmien ġimgħat wara li tirċievi t-talba għall-konsultazzjoni, tipprovdi parir bil-miktub lill-kontrollur, u, fejn applikabbli għall-proċessur, u tista' tuża kwalunkwe mis-setgħat tagħha msemmija fl-Artikolu 58. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż għal sitt ġimgħat, b'kont meħud tal-kumplessità tal-ipproċessar maħsub. L-awtorita' superviżorja għandha tinforma l-kontrollur, u fejn applikabbli, il-proċessur, dwar kwalunkwe estensjoni fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba għal konsultazzjoni flimkien mar-raġunijiet għad-dewmien. Dawk il-perijodi jistgħu jiġu sospiżi sakemm l-awtorità superviżorja tkun kisbet informazzjoni li tkun talbet għal finijiet ta' konsultazzjoni.

3.   Meta jikkonsulta lill-awtorità superviżorja skont il-paragrafu 1, il-kontrollur għandu jipprovdi lill-awtorità superviżorja

(a)

fejn applikabbli, bir-responsabbiltajiet rispettivi ta' kontrollur, kontrolluri u proċessuri konġunti involuti fl-ipproċessar, b'mod partikolari għall-ipproċessar fi ħdan grupp ta' impriżi;

(b)

bil-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar maħsub;

(c)

bil-miżuri u s-salvagwardji previsti biex jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data skont dan ir-Regolament;

(d)

fejn applikabbli, bid-dettalji tal-kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data;

(e)

bil-valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data prevista fl-Artikolu 35; u

(f)

bi kwalunkwe informazzjoni oħra mitluba mill-awtorità superviżorja.

4.   l-istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-awtorità superviżorja matul it-tħejjija ta' proposta għal miżura leġiżlattiva li għandha tiġi adottata minn parlament nazzjonali, jew ta' miżura regolatorja bbażata fuq tali miżura leġiżlattiva li tirrigwarda l-ipproċessar.

5.   Minkejja l-paragrafu 1, il-liġi tal-Istat Membru tista' tirrikjedi li l-kontrolluri jikkonsultaw mal-awtorità superviżorja u jiksbu awtorizzazzjoni minn qabel minnha b'rabta mal-ipproċessar minn kontrollur għall-prestazzjoni ta' kompitu mwettaq minn kontrollur fl-interess pubbliku, inkluż l-ipproċessar b'rabta mal-protezzjoni soċjali u s-saħħa pubblika.

Taqsima 4

Uffiċjal tal-protezzjoni tad-data

Artikolu 40

Kodiċijiet ta' kondotta

1.   l-istati Membri, l-awtoritajiet superviżorji, il-Bord u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxu t-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta maħsuba biex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni xierqa ta' dan ir-Regolament, b'kont meħud tal-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi setturi tal-ipproċessar u l-ħtiġijiet speċifiċi ta' impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju.

2.   Assoċjazzjonijiet u korpi oħrajn li jirrappreżentaw kategoriji ta' kontrolluri jew proċessuri jistgħu jħejju kodiċijiet ta' kondotta, jew jemendaw jew jestendu dawn il-kodiċijiet, bil-għan li jispeċifikaw l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, bħal fil-rigward ta':

(a)

l-ipproċessar ġust u trasparenti;

(b)

l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrolluri f'kuntesti speċifiċi;

(c)

il-ġbir tad-data personali;

(d)

il-psewdonimizzazzjoni ta' data personali;

(e)

l-informazzjoni provduta lill-pubbliku u lis-suġġetti tad-data;

(f)

l-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data;

(g)

l-informazzjoni provduta lil, u l-protezzjoni ta', minorenni, u l-mod kif jinkiseb il-kunsens tad-detenturi tar-responsabbiltà ta' ġenituri fir-rigward ta' minorenni;

(h)

il-miżuri u l-proċeduri msemmija fl-Artikoli 24 u 25 u l-miżuri biex jiżguraw is-sigurtà tal-ipproċessar imsemmija fl-Artikolu 32;

(i)

in-notifika ta' ksur ta' data personali lill-awtoritajiet superviżorji u l-komunikazzjoni ta' tali ksur ta' data personali lis-suġġetti tad-data;

(j)

trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali; jew

(k)

proċeduri barra l-qorti u proċeduri oħrajn ta' riżoluzzjoni ta' tilwim għas-soluzzjoni ta' tilwim bejn il-kontrolluri u s-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont l-Artikoli 77 u 79.

3.   Minbarra l-konformità mill-kontrolluri jew il-proċessuri suġġett għal dan ir-Regolament, il-kodiċijiet ta' kondotta approvati skont il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu u li jkollhom validità ġenerali skont il-paragrafu 9 ta' dan l-Artikolu jistgħu wkoll jiġu osservati minn kontrolluri jew proċessuri li mhumiex soġġetti għal dan ir-Regolament skont l-Artikolu 3 sabiex jipprovdu salvagwardji xierqa fi ħdan il-qafas ta' trasferimenti ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali skont it-termini msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 46(2). Tali kontrolluri jew proċessuri għandhom jieħdu impenji vinkolanti u eżegwibbli, permezz ta' strumenti kuntrattwali jew strumenti legalment vinkolanti oħra, biex japplikaw dawk is-salvagwardji xierqa, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

4.   Kodiċi ta' kondotta msemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandu jkun fih mekkaniżmi li jippermettu lill-korp imsemmi fl-Artikolu 41(1) biex iwettaq il-monitoraġġ obbligatorju ta' konformità mad-dispożizzjonijiet tiegħu mill-kontrolluri jew il-proċessuri li japplikawh, mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji li huma kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56.

5.   L-assoċjazzjonijiet u korpi oħra msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu li għandhom l-għan li jħejju kodiċi ta' kondotta jew li jemendaw jew jestendu kodiċi eżistenti, għandhom jippreżentaw l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni lill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55. L-awtorità superviżorja għandha tipprovdi opinjoni dwar jekk l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni jikkonformawx ma' dan ir-Regolament u għandha tapprova tali abbozz ta' kodiċi, emenda jew estensjoni jekk hija tqis li jipprovdu biżżejjed salvagwardji xierqa.

6.   Fejn l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 5 tapprova l-abbozz ta' kodiċi, jew l-emenda jew l-estensjoni, u fejn il-kodiċi ta' kondotta konċernat mhux marbut mal-attivitajiet ta' pproċessar f'bosta Stati Membri, l-awtorità superviżorja għandha tirreġistra u tippubblika l-kodiċi.

7.   Fejn abbozz ta' kodiċi ta' kondotta huwa marbut mal-attivitajiet ta' pproċessar f'bosta Stati Membri, l-awtorità superviżorja li hi kompetenti skont l-Artikolu 55 għandha, qabel ma tapprova l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni, tippreżentahom fil-proċedura msemmija fl-Artikolu 63 lill-Bord li għandu jagħti opinjoni dwar jekk l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni jikkonformawx ma' dan ir-Regolament jew, fil-każ imsemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, jipprovdux salvagwardji xierqa.

8.   Fejn l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 7 tikkonferma li l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni, jikkonformaw ma' dan ir-Regolament, jew, fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jipprovdu salvagwardji xierqa, il-Bord għandu jippreżenta l-opinjoni tiegħu lill-Kummissjoni.

9.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tiddeċiedi li l-kodiċijiet ta' kondotta, l-emendi jew l-estensjonijiet approvati ppreżentati lilha skont il-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu għandhom validità ġenerali fi ħdan l-Unjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami stabbilita fl-Artikolu 93(2).

10.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura r-reklamar xieraq għall-kodiċijiet approvati li jkun ġie deċiż li għandhom validità ġenerali skont il-paragrafu 9.

11.   Il-Bord għandu jiġbor il-kodiċijiet ta' kondotta, l-emendi u l-estensjonijiet kollha f'reġistru u għandu jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku b'mezzi xierqa.

Artikolu 42

Ċertifikazzjoni

1.   l-istati Membri, l-awtoritajiet superviżorji, il-Bord u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxu, b'mod partikolari fil-livell tal-Unjoni, l-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni ta' protezzjoni tad-data u ta' siġilli u marki tal-protezzjoni tad-data, bil-għan li juru l-konformità ma' dan ir-Regolament ta' attivitajiet ta' pproċessar mill-kontrolluri u mill-proċessuri. Għandu jittieħed kont tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju.

2.   Minbarra l-aderenza minn kontrolluri jew proċessuri soġġetti għal dan ir-Regolament, jistgħu jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni ta' protezzjoni tad-data, siġilli jew marki approvati skont il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu għall-għan li tintwera l-eżistenza ta' salvagwardji xierqa pprovduti minn kontrolluri jew proċessuri li mhumiex soġġetti għal dan ir-Regolament skont l-Artikolu 3 fil-qafas ta' trasferimenti ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali skont it-termini msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 46(2). Tali kontrolluri jew proċessuri għandhom jieħdu impenji vinkolanti u infurzabbli, permezz ta' strumenti kuntrattwali jew legalment vinkolanti oħrajn, biex japplikaw dawk is-salvagwardji xierqa, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

3.   Iċ-ċertifikazzjoni għandha tkun volontarja u disponibbli permezz ta' proċess li jkun trasparenti.

4.   Ċertifikazzjoni skont dan l-Artikolu ma tnaqqasx ir-responsabbiltà tal-kontrollur jew il-proċessur għall-konformità ma' dan ir-Regolament u huwa mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji li huma kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56.

5.   Ċertifikazzjoni skont dan l-Artikolu għandha tinħareġ mill-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 43, jew mill-awtorità superviżorja kompetenti abbażi ta' kriterji approvati mill-awtorità superviżorja kompetenti jew mill-Bord, skont l-Artikolu 63. Fejn il-kriterji huma approvati mill-Bord, dan jista' jirriżulta f'ċertifikazzjoni komuni, is-Siġill Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

6.   Il-kontrollur jew il-proċessur li jissottometti l-ipproċessar tiegħu għall-mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni għandu jipprovdi lill-korp ta' ċertifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 43, jew fejn applikabbli, l-awtorità superviżorja kompetenti, bl-informazzjoni kollha u l-aċċess għall-attivitajiet ta' pproċessar tiegħu li huma meħtieġa biex titwettaq il-proċedura ta' ċertifikazzjoni.

7.   Iċ-ċertifikazzjoni għandha tinħareġ lil kontrollur jew proċessur għal perijodu massimu ta' tliet snin u tista' tiġġedded, skont l-istess kondizzjonijiet, sakemm jibqgħu jiġu sodisfatti r-rekwiżiti rilevanti. Iċ-ċertifikazzjoni għandha tiġi rtirata, fejn applikabbli, mill-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 43, jew mill-awtorità superviżorja kompetenti fejn ma jiġux sodisfatti jew ma jibqgħux jiġu sodisfatti r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni.

8.   Il-Bord għandu jiġbor il-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni u s-siġilli u l-marki għall-protezzjoni tad-data kollha f'reġistru u għandu jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku permezz ta' kwalunkwe mezz xieraq.

Artikolu 53

Kondizzjonijiet ġenerali għall-membri tal-awtorità superviżorja

1.   l-istati Membri għandhom jipprovdu li kull membru tal-awtoritajiet superviżorji tagħhom jinħatar permezz ta' proċedura trasparenti minn:

il-parlament tagħhom;

il-gvern tagħhom;

il-Kap ta' Stat tagħhom; jew

korp indipendenti fdat bil-ħatra taħt il-liġi tal-Istat Membru.

2.   Kull membru għandu jkollu l-kwalifiki, l-esperjenza u l-ħiliet meħtieġa, b'mod partikolari fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, biex iwettaq dmirijietu u jeżerċita s-setgħat tiegħu.

3.   Id-dmirijiet ta' membru għandhom jintemmu fil-każ tal-iskadenza tal-mandat, ta' riżenja jew ta' rtirar obbligatorju f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru kkonċernat.

4.   Membru għandu jitkeċċa biss f'każijiet ta' mġiba ħażina serja jew jekk il-membru ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet.

Artikolu 80

Rappreżentanza ta' suġġetti tad-data

1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jagħti mandat lil korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni, li jkunu mingħajr skop ta' qligħ, li jkunu kkostitwiti kif meħtieġ skont il-liġi ta' Stat Membru, li l-objettivi statutorji tagħhom ikunu fl-interess pubbliku u li jkunu attivi fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta' suġġetti tad-data fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom biex iressqu l-ilment f'ismu, biex jeżerċitaw id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 77, 78 u 79 f'ismu u biex jeżerċitaw id-dritt li jirċievu kumpens imsemmi fl-Artikolu 78 f'ismu fejn previst mil-liġi tal-Istat Membru.

2.   l-istati Membri jistgħu jipprevedu li kwalunkwe korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, indipendentement minn mandat ta' suġġett tad-data, jkollhom id-dritt li jressqu, f'dak l-Istat Membru, ilment quddiem l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 77 u li jeżerċitaw id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 78 u 79 jekk huma jqisu li jkunu nkisru d-drittijiet ta' suġġett tad-data taħt dan ir-Regolament b'riżultat tal-ipproċessar.

Artikolu 84

Pieni

1.   l-istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar il-pieni oħrajn applikabbli għal ksur ta' dan ir-Regolament b'mod partikolari għal ksur li ma jkunx soġġett għal multi amministrattivi skont l-Artikolu 83, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Tali pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dawk id-dispożizzjonijiet tal-liġi tiegħu li jadotta skont il-paragrafu 1, sal-25 ta' Mejju 2018 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

KAPITOLU IX

Dispożizzjonijiet b'rabta ma' sitwazzjonijiet speċifiċi ta' pproċessar

Artikolu 85

Ipproċessar u libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni

1.   l-istati Membri għandhom jirrikonċiljaw skont il-liġi d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali skont dan ir-Regolament mad-dritt għal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni, inkluż l-ipproċessar għal finijiet ġurnalistiċi u l-finijiet ta' espressjoni akkademika, artistika jew letterarja.

2.   Għall-ipproċessar li jsir għal finijiet ġurnalistiċi jew għall-fini ta' espressjoni akkademika artistika jew dik letterarja, l-Istati Membri għandhom jipprevedu eżenzjonijiet jew derogi mill-Kapitolu II (prinċipji), il-Kapitolu III (drittijiet tas-suġġett tad-data), il-Kapitolu IV (kontrollur u proċessur), il-Kapitolu V (trasferiment tad-data personali lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali), il-Kapitolu VI (awtoritajiet superviżorji indipendenti), il-Kapitolu VII (kooperazzjoni u konsistenza) u l-Kapitolu IX (sitwazzjonijiet speċifiċi ta' pproċessar tad-data) jekk dawn jinħtieġu għal rikonċiljazzjoni tad-dritt għall-protezzjoni ta' data personali mal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni.

3.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġi tiegħu li jkun adotta skont il-paragrafu 2 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe liġi ta' emenda jew emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 88

Ipproċessar fil-kuntest tal-impjiegi

1.   l-istati Membri jistgħu, bil-liġi jew bi ftehimiet kollettivi, jipprevedu regoli aktar speċifiċi biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali ta' impjegati fil-kuntest tal-impjiegi, b'mod partikolari għall-finijiet tar-reklutaġġ, it-twettiq tal-kuntratt tax-xogħol, inkluż it-twettiq tal-obbligi stipulati bil-liġi jew bi ftehimiet kollettivi, il-ġestjoni, l-ippjanar u l-organizzazzjoni tax-xogħol, l-ugwaljanza u d-diversità fil-post tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol, il-protezzjoni tal-proprjetà ta' min iħaddem jew il-klijent u għall-finijiet tal-eżerċizzju u t-tgawdija, fuq bażi individwali jew kollettiva, ta' drittijiet u benefiċċji relatati mal-impjieg, u għall-fini tat-terminazzjoni tar-relazzjoni tal-impjieg.

2.   Dawk ir-regoli għandhom jinkludu miżuri xierqa u speċifiċi biex jissalvagwardjaw id-dinjità tal-bniedem tas-suġġett tad-data, l-interessi leġittimi u d-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza tal-ipproċessar, it-trasferiment ta' data personali fi grupp ta' impriżi, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta u s-sistemi ta' monitoraġġ fil-post tax-xogħol.

3.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dawk id-dispożizzjonijiet tal-liġi tiegħu li jadotta skont il-paragrafu 1, sal-25 ta' Mejju 2018 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 90

Obbligi ta' segretezza

1.   l-istati Membri jistgħu jadottaw regoli speċifiċi biex jistabbilixxu s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji stipulati fil-punti (e) u (f) tal-Artikolu 58(1) b'rabta ma' kontrolluri jew proċessuri li jkunu soġġetti, taħt il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru jew ir-regoli stabbiliti minn korpi kompetenti nazzjonali, għal obbligu ta' segretezza professjonali jew obbligi ekwivalenti oħra ta' segretezza fejn dan ikun meħtieġ u proporzjonat biex jiġi rrikonċiljat id-dritt tal-protezzjoni ta' data personali mal-obbligu ta' segretezza. Dawk ir-regoli għandhom japplikaw biss fir-rigward ta' data personali li l-kontrollur jew il-proċessur ikun irċieva b'riżultat ta' jew kiseb f'attività koperta minn dak l-obbligu ta' segretezza.

2.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni r-regoli adottati skont il-paragrafu 1, sal-25 ta' Mejju 2018 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.


whereas

dal 2004 diritto e informatica